Alfred Sant
Alfred Sant (Sliema, 28 ta' Frar, 1948) huwa politiku, ekonomista, awtur, u kien Prim Ministru ta' Malta bejn l-1996 u l-1998. Huwa kap tad-delegazzjoni tal-ewroparlamentari Laburisti Maltin fil-Parlament Ewropew. Fl-Elezzjonijiet Ewropej tal-2014 huwa kien l-iktar kandidat li ġab voti, 48,730 vot, it-tieni l-aktar li ġab voti fl-istorja tal-elezzjonijiet Ewropej kollha.
Bin Joseph u Josephine, imwielda Mizzi, Alfred Sant twieled Tas-Sliema nhar it-28 ta' Frar 1948.
“ Meta 16-il sena ilu ħadt l-ewwel ġurament tiegħi bħala Kap tal-Oppożizzjoni quddiem il-President... Ċensu Tabone, kont stqarrejt li kien ħażin li f’pajjiżna taħt gvern ta’ naħa waħda, nofs il-poplu… tan-naħa l-oħra… dejjem iħossu eskluż mill-ħajja pubblika. Għedt li kien importanti li pajjiżna jagħti lil kulħadd is-sentiment li dan hu tassew pajjiżu, pajjiżha. Bejn l-1996 u l-1998, għamilna sforzi bħala Gvern Laburista biex dil-ħaġa tibda sseħħ. Dawn l-isforzi sabu skjerati kontra tagħhom interessi vestiti li akkost ta' kollox ma riedu xejn jinbidel. Irnexxielhom fis-sabotaġġi tagħhom hekk li b’xorti ħażina, l-isforzi li wettaqna ħallew riżultati kontroproduċenti. ”
- Alfred Sant, 2008
“ Irrid ngħid hawnhekk li kien hemm xi nies li fl-1996 bdew jibżgħu li d-demokrazija f'Malta se tiġi tested b'mod ħażin. Irrid nirrikonoxxi li d-demokrazija Dr Alfred Sant għamilha ħaġa naturali għall-poplu Malti. Meta spiċċa l-gvern tiegħu u saru l-elezzjonijiet, għal darba oħra kien trapass naturali. Dan huwa mertu anke ta' Dr Sant u tal-kollegi tiegħu fil-kabinett. ”
- Guido de Marco, 2008
Tfulija
Alfred Sant kien l-akbar fost ħamest aħwa, erba’ subien u tifla. Kienu joqogħdu f’appartament żgħir, isfelnett f’bini ta’ xi ħames sulari, fil-ponta ta’ Tignè, fejn dak iż-żmien kienu għadhom stazzjonati s-suldati Ingliżi, fil-barracks li llum twaqqgħu u minflokhom qed jinbnew appartamenti ta’ lussu. Meta kellu tmien snin marru joqogħdu Birkirkara, minn fejn kienu ommu u missieru (missieru proprja kien mill-Imsida, fejn missieru kien jaħdem bħala skarpan, iżda hu għex ħafna ma’ zijuh f’Birkirkara). Missieru kien skrivan fiċ-Ċivil. Bħala żagħżugħ, fis-snin tletin, missieru xtaq jidħol l-Università iżda peress li missieru (in-nannu ta' Alfred Sant) kellu ħafna tfal u kien bżonn il-flus, daħal jaħdem mal-Gvern. B'ħafna sagrifiċċju, fl-1957 missieru bena dar f’Birkirkara f’parti mill-ġnien ta’ dar li kienet tal-familja ta’ omm Alfred. Meta marru joqogħdu Birkirkara, minħabba t-tħeġġiġ ta’ ommu, għamel żmien jattendi għal-laqgħat ta’ għaqda mmexxija mill-Ġiżwiti fil-Kulleġġ San Alwiġi mhux bogħod minn fejn kienu joqogħdu. Iżda hu kien jippreferi jibqa’ d-dar jaqra u jilgħab ma’ ħutu.
Edukazzjoni
Sant ħa l-edukazzjoni tiegħu fl-iskola tas-sorijiet Franġiskani, Tas-Sliema, li kellhom fergħa fi Triq Manwel Dimech, u fergħa għall-primarji fis-Savoy, bl-isem ta’ St Elizabeth School u l-iskola tal-Gvern f’Tas-Sliema minn fejn għamel l-eżami għad-dħul fil-Liċeo. Fl-1957, beda fil-Liċeo, ftit wara li kien fetaħ fil-Ħamrun, u għamel ħames snin li wassluh għall-eżami tal-O Level fl-1962. Kien mixħut l-aktar għal-lingwi, iżda kienet bdiet tiżdied l-importanza tax-xjenza, bħala dixxiplina li fuqha kellha tkun imsejsa s-soċjetà tal-futur. Missieru ħajru li fis-Sixth Form jidħol għaliha. Għamel hekk u prattikament kellu jibda ħafna affarijiet mill-qiegħ bħal fil-matematika u fil-fiżika. Matul is-sentejn Sixth Form fil-Liceo, trawwem sew fix-xjenza mingħajr ma nesa l-ġibda li kellu għal-letteratura.
Wara s-Sixth Form, daħal l-Universita ta’ Malta fil-kors tax-xjenza. Ħaseb li se jkun fih għal sena biex wara jkompli fil-kors tal-inġinerija ċivili. Iżda baqa’ sal-aħħar tal-kors tal-bacellerat tax-xjenza (fiżika u matematika) u wara daħal għal sena oħra li wasslitu għall-grad ta’ M.Sc. fil-fiżika.
Studja l-amministrazzjoni pubblika u d-diplomazija fl-Institut International d'Administration Publique ta' Pariġi u ġab id-diploma tal-I.I.A.P. Sant kiseb M.B.A. summa cum laude mill-Universita ta’ Boston fl-1976 u dottorat D.B.A. mill-Harvard Business School fl-1979.
Diplomatiku
Bejn l-1970 ul-1975, Sant kien Second Secretary u First Secretary. Sant speċjalizza fl-affarijiet Ewropej u fir-relazzjonijiet bilaterali ma’ pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent, fil-Missjoni ta’ Malta mal-Komunita Ekonomika Ewropea fi Brussel, li kienet isservi wkoll bħala ambaxxata mal-Benelux, il-Ġermanja tal-Punent, Franza u Spanja.
Konsulent Maniġerjali
Sant kien konsulent għal negozji privati u għas-settur pubbliku. Bejn l-1979 ul-1982, kellu l-kariga ta’ deputat chairman tal-Malta Development Corporation. Wara kien chairman tal-Bortex u tal-Metalfond. Bejn l-1978-1992, Sant kien il-korrispondent minn Malta ghall-Economist Intelligence Unit, u bejn l-1986 u l-1992, korrispondent għal The European Review.
Politiku
Daħal fil-politika meta nħatar chairman tad-Dipartiment tal-Informazzjoni tal-Malta Labour Party fl-1982, u fl-1984 laħaq President tal-partit, kariga li żamm sa l-1988. Fl-1987 ġie co-opted fil-Parlament wara l-mewt ta' Joseph Sciberras; u ġie elett fil-Kamra tar-Rappreżentanti fl-elezzjonijiet tal-1992.
Wara r-riżenja ta' Karmenu Mifsud Bonnici li kien propona lil George Vella bħala Mexxej tal-Partit u dan ma aċċettax, Sant kien elett Mexxej tal-Partit Laburista mill-Konferenza Ġenerali tal-Partit nhar is-26 ta' Marzu 1992, f'elezzjoni li għaliha kkontestaw ukoll l-eks-ministri Lino Spiteri u Joe Brincat. Tmien snin wara, Lino Spiteri allega li f'din l-elezzjoni kien hemm min bagħbas fil-voti biex ma jitlax hu, tbagħbis li Spiteri qal Alfred Sant ma kellux x'jaqsam miegħu u lanqas kien jaf bih. Sant ħa l-ġurament bħala Kap tal-Oppożizzjoni. Fi żmien it-tmexxija ta' Alfred Sant, il-Partit Laburista bena Kwartieri ġodda fil-Ħamrun, fetaħ stazzjon tat-televixin Super One TV, iktar tard ONE TV, u beda joħroġ ġurnal ġdid Kullħadd.
Prim Ministru - 1996-1998
Il-Partit Laburista mmexxi minn Alfred Sant, u d-deputati mexxejja George Vella u George Abela, rebaħ l-elezzjonijiet tal-1996 b'maġġoranza ta' 132,497 vot, żieda ta' 17,000 -il vot fuq l-elezzjoni ta' qabel, u nhar is-26 ta' Ottubru Alfred Sant ħa l-ġurament bħala Priministru. Kien ġab maġġoranza ta' 7000 vot iktar mill-Partit Nazzjonalista imma kellu biss siġġu wieħed iktar. Immedjatament kif kien wiegħed qabel l-elezzjoni, Sant ħareġ lil Malta mill-Partnership for Peace tan-NATO u beda l-proċess biex titneħħa l-VAT li fil-fatt tneħħiet u minflokha daħlet taxxa bl-isem CET.
Fi żmien il-Gvern ta' Sant, inħatret l-ewwel Speaker mara fl-istorja tal-Parlament Malti, l-Avukat Miriam Spiteri Debono. Inħatret ukoll l-ewwel mara bħala kap ta’ agenzija tal-Gvern meta nħatret Sina Bugeja bħala Kap Eżekuttiv ta’ Sedqa. Alfred Sant kien l-ewwel Prim Ministru Laburista li ħa sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet nazzjonali tal-Indipendenza, fil-21 ta' Settembru 1997. F'April 1997, il-Gvern ta' Sant ospita l-Konferenza Ewro-Mediterranja li fiha seħħet laqgħa importanti bejn il-mexxej Palestinjan Yasser Arafat u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Iżraeljan, David Levy.
Fit-22 xahar li dam, il-Gvern ta' Sant ħatar numru ta' kumitati u kummissjonijiet:
- kumitat għal pjan nazzjonali biex jiġġieled il-problema tad-drogi
- kummissjoni biex tinħoloq il-Qorti tal-Familja
- kummissjoni għad-Drittijiet Soċjali għas-self employed.
- kumitat biex tissebbaħ Buġibba
- kumitat tat-tmexxija mill-Ministeru tal-Edukazzjoni biex jirrevedi l-kurrikulum fl-iskejjel primarji u sekondarji
- kumitat għall-promozzjoni tal-moralità fiskali
- kumitat ta' azzjoni biex jiġu riabilitati Marsalforn u Xlendi
- kumitat biex janalizza applikanti ġodda ghal xogħol mall-Gvern.
Il-Gvern ta' Sant għamel il-Proġett ta' Buġibba, irrestawra l-Berġa tal-Baviera u l-Palazz Vilhena. Tnaddaf u ġie rranġat Wied il-Fiddien, il-moll ta’ Lazzarett. Sar il-pavimentar ta’ Triq ir-Repubblika fil-Belt. Saret l-ewwel fażi tal-proġett ta’ Chadwick Lakes. Sar proġett ta’ tisbiħ f’Wied il-Għajn, Marsaxlokk, Birżebbuġa, Ħaġar Qim, fil-bajja tal-Ġnejna, madwar il-Ġonna ta’ San Anton, fil-bajja tar-Rinella, il-Magħluq f’Wied il-Għajn li fih inbena teatru Grieg u ddikjarat riserva naturali u ġnien gdid fil-Baħrija.
Il-Prim Ministru Sant ikkummissjona żewġ rapporti fuq it-Tarzna li t-tnejn urew il-qagħda ħażina li kienet fiha. Sant ra l-ħtieġa ta' sehem dirett fit-tmexxija tat-Tarznari mill-Gvern f’isem il-poplu, li kien qiegħed iħallas għat-telf li nġema’, u l-ħtieġa ta’ ristrutturar tal-operat tat-tarznari. Il-Kunsill tat-Tarzna sar kompost minn erbgħa membri magħżula mill-Gvern, erbgħa magħżula mill-ħaddiema u Chairman magħżul mill-Gvern.
Il-Gvern ta' Sant daħal fi ftehim mal-isptar Capua Palace sabiex operazzjonijiet tal-qalb li ma setgħux isiru St. Luke’s jibdew isiru privat. Fetaħ unit gdid f’St. Luke’s għal kirurgija mhux maġġuri. Biddel il-pjanti għall-isptar Tal-Qroqq, li iktar tard issemma Mater Dei, biex dan ikun sptar ġenerali, xi ħaġa li l-Gvern Nazzjonalista ta' wara żamm. Fetaħ Dipartiment tal-Emerġenza ġdid fl-isptar ġenerali t’Għawdex. Inbniet dar għall-anzjani f’Bormla. Infetaħ Day Care Centre għall-anzjani f'Tas-Sliema u ieħor fiż-Żurrieq. Infetaħ uffiċjalment il-kumpless għal taħriġ gġall adulti b’diżabilità f’Wied il-Għajn.
Iddaħħlu regolamenti ġodda ta' rmunkar u clamping. Sar il-proġett tat-traffiku tal-Marsa. Beda jsir il-breathalyser test fuq is-sewwieqa tal-vetturi, u daħlet fis-sehh is-sistema tal-VRT ghall-karozzi.
Tħabbar l-ewwel Ombudsman għall-Università. Bdiet skema tal-Education Business Industry fejn edukaturi setgħu jitħarrġu dwar l-aħħar teknoloġija u proċessi industrijali. Fis-sajf tal-1998 sar xogħol ta' manutenzjoni fi 86 skola tal-Gvern. Infetah ir-Rinella Movie Park. F’Settembru 1997 twaqqfet l-Orkestra Nazzjonali ta' Malta.
Inkwiet intern fil-Partit Laburista u jaqa' l-Gvern
L-ewwel ma beda jberraq kien meta rriżenja Lino Spiteri minn Ministru tal-Finanzi ħames xhur biss wara l-ħatra tiegħu, li wara ħareġ li ma kienx qabel mat-tneħħija tal-VAT. F'Novembru 1997 George Abela irriżenja minn Konsulent tal-Priministru. Imma l-ewwel problema kbira għall-Gvern kienu l-Estimi Finanzjarji, il-Budget, tal-1998 li f'ħafna minnhom Dom Mintoff astjena u kellhom jgħaddu bil-casting vote tal-Ispeaker. Il-kwistjoni kienet l-iktar fuq it-tariffi tad-dawl u l-ilma proposti mill-Gvern. Fit-8 ta' Ġunju 1998, Dom Mintoff ivvota kontra l-proġett għall-iżvilupp tal-Kottonera kif propost mill-Prim Ministru Alfred Sant. L-għada li l-Gvern kien tilef dan il-vot importanti fil-Parlament, fix-Xatt tal-Birgu, il-Prim Ministru Sant ta konferenza tal-aħbarijiet li fiha qal li Mintoff għandu jirriżenja mill-Parlament u sejjaħlu "traditur". Din il-frażi baqgħet tikkundizzjona r-relazzjoni bejn Mintoff u Sant, tant li d-diversi attentati ta' medjazzjoni bejn it-tnejn fallew.
Nhar id-9 ta' Lulju saret Konferenza Ġenerali Straordinarja tal-Partit Laburista li ddiskutiet mozzjoni proposta mill-Priministru Sant li tikkundanna l-aġir ta' Mintoff u li tissejjaħ elezzjoni ġenerali fl-iqsar żmien possibbli. Wara li Sant rabat vot ta' fiduċja mal-vot fuq il-Proġett tal-KOttonera u dan m'għaddiex wara li Mintoff ivvota kontra, Sant ma kellu l-ebda triq oħra ħlief li jsejjaħ elezzjoni ġenerali prematura. Nhar it-3 t'Awwissu Sant mar għand il-President Ugo Mifsud Bonnici biex xolja l-Parlament u ħabbar id-data tal-Elezzjoni għall-5 ta' Settembru 1998, wara biss 22 xahar ta' tmexxija – liema elezzjoni ġiet mirbuħa mill-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Dr. Edward Fenech Adami. Nhar l-20 ta' Ottubru 2009, meta mistoqsi mill-PBS fuq l-avvenimenti politiċi li kienu wasslu għall-waqgħa tal-Gvern Laburista ħdax-il seba qabel, Alfred Sant qal li dakinhar ma setax joqgħod għar-rikatt ta' Mintoff u li Mintoff kien qed jiġi 'immanipulat' - mhux finanzjarjament - mill-Partit Nazzjonalista, kif skond Sant deher ċar fil-budget tal-1997, fil-mozzjoni dwar l-UE meta sparixxa l-Libja meta kien hemm vot kruċjali. Huwa qal li f'dak li ġara fl-1998, kien hemm ħafna fatti li għadhom ma ħarġux u jikkonfermaw dak li qed isostni hu. Sant qal li ma jħossx rimors għal dak li għamel fl-1998, iżda jħoss li għamel żball f'deċiżjonijiet li ħa qabel l-1996. Mistoqsi jekk ħafirx lil Mintoff, Alfred Sant qal li din mhix kwistjoni ta' maħfra jew apoloġija għaliex il-fatti huma fatti. Qal li m'għandux iħares lura iżda jkompli miexi 'l quddiem.
Referendum Unjoni Ewropea u Elezzjoni 2003
Wara l-elezzjoni bikrija tal-1998, Sant reġa' ġie kkonfermat mexxej tal-Partit b'iktar minn 98% tad-delegati tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista.
F'Mejju 2000, Lino Spiteri allega li fl-elezzjoni għall-ħatra ta' mexxej ġdid tal-Partit fl-1992, Pawlu Muscat, sindku Laburista ta' Bormla, kien bagħbas fil-voti biex ma jitlax hu, tbagħbis li Spiteri qal, u anke Muscat qal, Alfred Sant ma kellux x'jaqsam miegħu u lanqas kien jaf bih. Muscat kien tressaq quddiem il-Bord ta' Viġilanza u Dixxiplina tal-Partit Laburista u rtira dak li kien qal.
Meta l-Gvern Nazzjonalista ħabbar referendum għat-8 ta' Marzu 2003 dwar is-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea fl-2003, Sant sejjaħ bojkott parzjali fuq ir-referendum u talab lil-Laburisti biex jew jivvutaw 'Le', jew inkella jastjenu jew iħassru l-vot. Lejlet ir-referendum tat-8 ta’ Marzu 2003, il-Priministru Fenech Adami,fl-aħħar intervent tiegħu fl-aħħar dibattitu televiżiv allega li Sant bħala chairman tal-Bord tal-Għażla tal-Università ta’ Malta intervista lill-iben Fenech Adami u ċaħħdu milli jidħol bħala student l-Università. F'sentenza tal-Qorti tal-2004 intqal hekk: “Il-Qorti tiddikjara li waqt id-dibattitu politiku mxandar fuq Television Malta, nhar il-Ħamis, 6 ta’ Marzu tas-sena 2003 il-konvenut għamel allegazzjonijiet foloz u malafamanti fit-terminu tal-Artikolu 28 tal-Kap 248 fil-konfront tal-attur bil-għan li jtellef jew inaqqas ir-reputazzjoni tiegħu meta allega li bħala Chairman’ tal-Bord tal-Għażla tal-Università ta’ Malta intervista lill-iben il-konvenut u ċaħħdu milli jidħol bħala student l-Università.” Il-Qorti żiedet tgħid li Fenech Adami kellu l-mezzi kollha disponibbli biex jivverifika jekk l-indikazzjonijiet li ngħatawlu kienux minnhom, iżda ma jirriżultax li għamel dan.
Sant m'aċċettax ir-riżultat tar-referendum, li kien 54% ivvutaw iva u 46% ivvutaw le. Ħafna analisti politiċi jgħidu li dan ta' Sant kien żball li ma aċċettax ir-riżultat tar-referendum. Kien hemm 27 elf ruħ li ma ġabrux il-vot u kważi 4 elef li ħassru l-vot. Mid-9 pajjiżi li fl-2003 kienu qed jagħmlu referendum biex jidħlu, Malta kien l-iktar pajjiż li vvutaw nies, kważi 91%, imma l-iktar li ma riduhiex, 46%. Meta tħabbar ir-riżultat, Sant wissa lill-Unjoni Ewropea biex tieħu kont tar-riżultat tar-referendum fejn 48 % biss ta’ dawk eliġibbli biex jivvutaw kienu favur sħubija sħiħa, u qal li l-Gvern Nazzjonalista għandu jsejjaħ elezzjoni ġenerali minnufih.
“ Hija maggoranza assoluta ta’ 52 fil-mija li għażlet il-Partnership tal-Partit Laburista – li jew qalet le, jew ma marritx tivvota jew li ħassret il-vot – u għalhekk hija l-minoranza tal-elettorat li qablet mal-mistoqsija tar-referendum konsultattiv li poġġa Fenech Adami. ”
L-għada tar-referendum, Fenech Adami ħabbar elezzjoni bikrija għat-12 t'April 2003 li l-Partit Laburista tilifha bi 12,000 vot inqas mill-Partit Nazzjonalista. Sant irreżenja mill-kariga ta' Mexxej tal-Partit. Għall-ewwel ma kienx se jikkontesta imma mbagħad ikkonvinċewh mod ieħor. U fil-fatt, fis-16 ta' Mejju, Sant reġa' rebaħ l-elezzjoni għat-tmexxija tal-Partit b'mod konvinċenti b'68% tal-voti.Fl-istorja politika ta’ Malta din kienet l-ewwel darba li l-mexxej attwali ta’ partit politiku kien ikkontestat meta kien għadu fil-kariga. Iż-żewġ kontestanti l-oħra, Anġlu Farrugia u John Attard Montalto kisbu 24% u 8% tal-voti rispettivament.
Fl-2004, il-Partit Laburista, immexxi minn Sant, għamel attakk qawwi fuq il-Priministru Eddie Fenech Adami għall-maħfra presidenzjali, li kienet ingħatat fuq parir tiegħu, lil Joseph Fenech, magħruf bħala Żeppi l-Ħafi, fil-każ tal-attentat fuq il-ħajja tal-Assistent personali tal-Priministru, Richard Cachia Caruana.
Fit-13 ta' Ġunju 2004, il-Partit Laburista mmexxi minn Alfred Sant rebaħ l-ewwel elezzjonijiet Ewropej li saru f'Malta u ġab iktar minn 48% tal-voti, 21,000 vot iktar mill-Partit Nazzjonalista u ħa 3 siġġijiet minn 5 fil-Parlament Ewropew: Joseph Muscat (li erba' snin wara sar Mexxej tal-Partit), Louis Grech u John Attard Montalto.
Fl-2005, Alfred Sant kien strumentali biex il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista tappoġġja l-Kostituzzjoni Ewropea, opposta minn Karmenu Mifsud Bonnici, eks-mexxej tal-Partit. Din imbagħad ġiet ratifikata unanimament fil-Parlament Malti.
Elezzjoni Ġenerali 2008
Il-Partit Laburista kien mistenni ħafna jirbaħ din l-elezzjoni. Għall-kampanja elettorali tal-2008, ippreżenta programm “Pjan għal bidu ġdid” taħt l-għajta għall-bidla fil-tmexxija tal-pajjiż. F'Diċembru 2007, ftit qabel il-kampanja elettorali, Sant daħal l-isptar għal operazzjoni serja. Il-Programm elettorali kien fih bosta affarijiet kontroversjali, fosthom il-proposta ta' reception class li ħolqot ħafna kontroversji matul il-kampanja, tnaqqis bin-nofs tas-surcharge tad-dawl kif ukoll l-ebda taxxa fuq l-overtime. Matul il-kampanja Sant ikkampanja bil-kbir kontra l-korruzzjoni, speċjalment il-każ tal-Mistra. Minkejja dan, f'Marzu 2008 il-Partit Laburista tilef l-elezzjoni għat-tielet darba konsekuttiva, bl-iżgħar marġini ta' differenza fil-voti: 1,580 vot. Il-Partit Nazzjonalista ġab 49.3% tal-voti u l-Partit Laburista 48.9%. Sant irreżenja minn mexxej tal-Partit l-għada tat-telfa iżda xorta żamm postu bħala membru fil-Parlament Malti, u sakemm inħatar il-mexxej il-ġdid tal-Partit huwa baqa' Kap tal-Oppożizzjoni, filwaqt li Charles Mangion kien aġent mexxej tal-Partit.
Wara l-Elezzjoni 2008
Nhar it-12 ta' Mejju 2008, Alfred Sant li kien għadu Kap tal-Oppożizzjoni (għalkemm mhux iktar mexxej tal-Partit Laburista) għamel diskors bi tweġiba għad-Diskors tal-President ta’ Malta fil-Ftuħ ta’ Leġislatura ġdida. Sant reġa' tkellem dwar l-iskandlu tal-Mistra u qal li dan mhux xi każ iżolat imma parti minn sistema ta’ pjaċiri u arranġamenti ta' gvern Nazzjonalista. Semma maħfra ta’ flus dovuti f’income tax matul is-snin, maħfra ta’ VAT dovuta u multi relatati mal-VAT u oħrajn kif ukoll laxkezza fil-prosekuzzjoni ta’ każi fil-qrati li għandhom x’jaqsmu ma’ pussess jew użu ta’ artijiet tal-Gvern jew f’każi ta’ kuntratti mal-Gvern.
Fl-istess diskors, Dr Sant tkellem dwar dawk li ġew jivvutaw minn barra minn Malta fl-elezzjoni tal-2008. Huwa qal li l-Kostituzzjoni hi ċara dwar dan fejn tgħid li jistgħu jivvutaw fl-elezzjoni dawk iċ-ċittadini li fl-aħħar sentejn, ikunu ssodisfaw ċerti regoli dwar kemm ikunu damu joqogħdu fil-pajjiż - tal-inqas sitt xhur. Sant qal li matul l-aħħar snin, il-Gvern żarma s-sistemi li bihom setgħu jsiru verifiki dwar kemm qed tiġi rispettata din ir-regola. Numru ta’ ċittadini daħlu fir-reġistru elettorali jew baqgħu fuqu, meta ma kellhomx dritt bil-Kostituzzjoni, għax ma tistax issir verifika serja dwar kemm jissodisfaw ir-regoli dwar residenza.
Sant qal li d-demokrazija f’pajjiżna qed tiffaċċja theddida ġdida għax infirxet fostna xibka ta’ poter, magħmula minn nies li ħafna minnhom, għall-inqas fid-deher, mhumiex fil-quddiem tax-xena politika, imma li għandhom kontroll fuq mezzi kbar pubbliċi u privati ffukati biex id-deċizjonijiet il-kbar fil-pajjiż jittieħdu skond l-għanijiet u l-interessi tagħhom.
“ Ma neskludix li għal li ġej, ix-xibka ta’ poter tipprova tara tistax tikkolonizza wkoll bl-istess mod, lill-Partit Laburista u timmanipulah kif ikkolonizzat u mmanipulat lill-Partit Nazzjonalista. F’dak il-każ, l-għażla li jingħata l-pajjiż tkun bejn dak li x-xirka ta’ poter tkun tridu jemmen, dwar partit jew ieħor, skond kif jaqblilha hi. Madankollu, jien nemmen fis-saħħa interna tal-Partit Laburista biex ma jaqax għat-tentazzjoni, li hu wkoll isir l-għodda ta’ xibka ta’ poter, biex jirbaħ elezzjoni ġenerali. Anzi nemmen li fil-futur, il-Partit Laburista se jibqa’ jagħti xhieda sħiħa tat-twemmin tiegħu, tal-impenn tiegħu favur id-demokrazija vera, favur tmexxija tal-pajjiż li tirrifletti tassew l-aqwa aspirazzjonijiet demokratiċi taċ-ċittadini kollha u mhux tkun is-seftura ta’ ftit interessi akuti, qawwija u organizzati ponn. ”
Nhar l-20 ta' Ottubru 2009, waqt il-programm tal-PBS Dissett, Alfred Sant bħala eżempju ta' pjaċir politiku qabel l-elezzjoni semma l-każ tal-Gunner Matthew Psaila, li miet mgħerreq waqt taħriġ fiċ-Chadwick Lakes nhar it-13 ta' Frar 2009. Il-familja ta' Psaila għamlet protest ġudizzjarju li fih ċaħdu li kien hemm xi nuqqas politiku billi Matthew kien daħal suldat wara u mhux qabel l-elezzjoni u li l-fatt li kien jew ma kienx jaf jgħum mhux rilevanti billi dan ma kienx wieħed mir-rekwiżiti għall-ingaġġ ta’ suldati. Il-Kap tal-Oppożizzjoni Joseph Muscat stqarr li din kienet opinjoni ta’ Sant u mhux tiegħu jew tal-Partit Laburista.
Nhar it-8 ta' Novembru 2009 Alfred Sant kien mistieden bħala eks-Priministru biex jagħti diskors f'Berlin bl-isem ta' "Is A World Without Walls Compatible with Cultural Diversity and Regional Autonomy? A Look at the Medium and Long-Term" f'konferenza li saret biex tfakkar l-20 sena mill-waqgħa tal-Ħajt ta' Berlin, imtella' mill-Institute for Cultural Diplomacy, bit-titlu “A World Without Walls: An International Congress on Soft Power, Cultural Diplomacy, and Interdependence”.
Il-Kwistjoni tal-Onorarja tal-Membri Parlamentari
Nhar it-28 ta' Diċembru 2010, Alfred Sant bagħat ittra lill-Ispeaker tal-Parlament Dr Michael Frendo, li fiha akkuża lill-Gvern b’disprezz lejn il-Parlament, b’referenza għall-ħlas tal-Onorarja lill-Membri Parlamentari. Fl-ittra Sant qal li aktar minn sentejn u nofs qabel, il-Gvern, bla ma nforma lill-Kamra tar-Rappreżentanti, żied l-Onorarja tad-Deputati. Huwa qal li din id-deċiżjoni ġiet implimentata b’mod immedjat biss għall-Ministri u s-Segretarji Parlamentari. Qal li deċiżjoni li ttieħdet daqstant żmien ilu fir-rigward tad-Deputati, kienet għadha fil-“proċess” li tiġi implimentata sa Novembru 2010. Sant qal li Parlamenti oħrajn għandhom proċessi trasparenti u anke stabbiliti b’riżoluzzjonijiet parlamentari dwar kif jiġu determinati l-ħlasijiet lid-Deputati. Huwa minnu li dan qatt ma eżista, kif messu ġara, fis-sistema parlamentari Maltija. Madankollu, qatt qabel il-Parlament ma ġie trattat b’dan il-mod.
“Li żieda fil-ħlas tad-Deputati ma titħabbarx għal aktar minn sentejn u nofs u ma titwettaqx tul dan iż-żmien waqt li titwettaq fir-rigward ta’ Ministeri u Segretarji Parlamentari biss, li żieda bħal din titħabbar baxx baxx, li din l-informazzjoni tiġi ppubblikata fi żmien fejn il-poplu ikun qiegħed iħoss l-għafsa ta’ awsterità f’taxxi, ħlasijiet u ristrutturar ta’ impjiegi, huma fatturi li jservu biex jesponu lill-Membri tal-Kamra tad-Deputati għar-redikolu, għall-għadab u għad-disprezz taċ-ċittadini... Huwa f’dan il-kuntest li qiegħed nitolbok tikkunsidra u tiddeċiedi jekk b’dak li sar, il-Gvern għandux jitqies bħala ħati ta’ disprezz lejn il-Kamra u għandux ikun ordnat li jagħmel dak li jitqies bħala meħtieġ biex din is-sitwazzjoni tkun rimedjata.”
L-Ispeaker wieġeb fit-23 ta' Jannar 2011 u qal li ma jħossx li dak li ġara huwa “an act or ommision which obstructs or impedes the House of Parliament in the performance of its functions” kif jgħid l-Erskine May, partikolarment fid-dawl tal-fatt li sal-lum qatt ma kienet il-prassi tal-Parlament li l-ħlasijiet lid-deputati jiġu ddeterminati b’riżoluzzjoni parlamentari, iżda b’deċiżjoni tal-Eżekuttiv. Min-naħa tiegħu Sant, li f’risposta li bagħatlu lura ddikjara li wara li qara l-ittra tiegħu b’kull attenzjoni, din kienet l-ewwel darba kemm ilu membru tal-Kamra tar-Rappreżentanti li qed iħossu jistħi jgħid li huwa deputat. Filwaqt li rriserva d-dritt li aktar ’il quddiem jirrispondi fid-dettal għall-ittra tal-Ispeaker, Sant iddikjara li bħala ġest personali biex jesprimi s-sentiment tiegħu, iddeċieda li l-għada, 24 ta' Jannar ma jattendix għas-seduta tal-Parlament li se tiġi indirizzata mill-President tal-PE Jerzy Buzek, u dan bl-ebda sens ta’ disprezz lejh jew lejn il-persuni l-oħra li se jindirizzaw il-Kamra. Żied jgħid li dan se jkun il-mod tiegħu kif juri tħassib kbir għal kif l-aqwa istituzzjoni tad-demokrazija kostituzzjonali qed tiġi mżebilħa u mminata, u qisu ma ġara xejn.
Intant, l-Ispeaker sostna li huwa obbligat u marbut li japplika t-terminu “disprezz lejn il-Kamra” kif definit min-normi viġenti tal-Kamra fiċ-ċirkostanzi kollha tal-każ. Madankollu Michael Frendo ddikjara li huwa anomalu kif id-deċiżjoni tal-Kabinett dwar iż-żieda fl-onorarja baqgħet ma ġiet notifikata bl-ebda mod lill-istituzzjoni tal-Parlament inkluż lilu bħala Speaker, qabel mal-Ministru tal-Finanzi Tonio Fenech fit-18 ta’ Novembru li għadda ħtieġlu jwieġeb mistoqsija li saritlu fejn kellu jispjega d-deċiżjoni tal-Kabinett meħuda fil-5 ta’ Mejju 2008 u l-mod tal-implimentazzjoni tagħha. Waqt li saħaq li dan m’għandux isir, l-Ispeaker qabel ma’ dak li qallu d-Deputat Sant fl-ittra tiegħu, li Parlamenti oħrajn għandhom proċessi trasparenti u anke stabbiliti b’riżoluzzjonijiet parlamentari, dwar kif jiġu ddeterminati l-ħlasijiet lid-deputati. Għaldaqstant, filwaqt li tenna li sal-lum żidiet fl-onorarja saru b’deċiżjonijiet tal-Eżekuttiv u mhux tal-Parlament, l-Ispeaker sostna li dan kollu jitfa’ dawl ċar fuq il-ħtieġa għal awtonomija tal-Parlament inġenerali, materja li tqajmet minn diversi Speakers ta’ qablu, u dan partikolarment fuq il-ħtieġa li affarijiet bħall-onorarja tal-MPs jiġu ’l quddiem regolati bi proċeduri tal-Kamra fl-aħjar interess tad-demokrazija parlamentari ta’ pajjiżna.
Membru tal-Parlament Ewropew
Fl-Elezzjonijiet Ewropej ta' Mejju 2014 huwa kien l-iktar kandidat li ġab voti, 48,730 vot, it-tieni l-aktar li ġab voti fl-istorja tal-elezzjonijiet Ewropej kollha. Huwa ntagħżel bħala kap tad-delegazzjoni tal-ewroparlamentari Laburisti Maltin fil-Parlament Ewropew.
Letteratura
Alfred Sant kien membru fundatur fil-grupp ta’ teatru sperimentali Xsenuru (1967-1968), wara li fl-1966, rebaħ l-ewwel premju fl-ewwel konkors għall-kitba ta’ drammi televiżivi b' Min hu Evelyn Costa? u fl-1967, l-ewwel premju f’konkors nazzjonali għall-kitba ta’ radjudrammi b’ Meta Tqum il- Principessa.
Kien ukoll membru tal-Moviment Qawmien Letterarju.
Sant kien editur tal-magazine Ferment fis-snin sittin; tar-rivista ta’ kull xahar Tomorrow (1982-1984); Society (1989-1992); u editur fil-magazine letterarju bil-Malti ta’ kull tliet xhur NEO (1989-1991). Kien jikteb regolarment artiklu ta’ kull ġimgħa fil-Malta News (1979-1988); It-Torċa (1983-1988, 1996-2008), u fit-Times (1999-2008). Għal numru ta' snin kien jieħu ħsieb is-Sensiela Kotba Soċjalisti.
Fuq il-kitbiet ta' Sant, Frans Sammut jgħid hekk:
“ L-għodod tal-kitba li juża Alfred Sant għandhom l-għeruq tagħhom fl-Illuminiżmu u jitħaddmu skond il-fehma tal-eżistenzjaliżmu. L-għan tagħhom huwa dejjem wieħed: li jsibu l-verità b’riħet il-paradigma tal-empiriżmu u l-metodu xjentifiċi. Fit-tnejn, il-bniedem jinsab fil-qalba ta’ kollox u għalhekk li jaslu biex ifittxu l-bidla mill-prospettiva l-qadima u tradizzjonali. Dan kollu jixhduh kemm ir-rumanzi tiegħu L-Ewwel weraq tal-bajtar u Silġ fuq Kemmuna kemm id-drammi tiegħu minn Min hu Evelyn Costa? sa qabel Fid-dell tal-katidral. Dan tal-aħħar għandu tema kemmxejn differenti, fis-sens li hija t-tema li l-intellettwali Malti serju jkollu jasal għaliha wara l-vjaġġ li jkun terraq matul il-bixriet l-oħrajn. ”
Rumanzi
Alfred Sant huwa awtur ta' seba' rumanzi:
- L-Ewwel Weraq tal-Bajtar (1968, 1996) - l-ewwel rumanz ta' Sant li kitbu meta kellu 20 sena, li jsegwi għal xi xhur il-ħajja u d-dwejjaq ta’ żagħżugħ jismu Raymond, sal-punt meta dan jitlaq minn Malta.
Dan ir-rumanz kien inqara minn Charles Arrigo fuq ir-Rediffusion sena wara u għamel skandlu għax tqies bħala laxk iżżejjed. Fl-istess sena, kien pubblikat f’faxxikli fi It-Torċa.
- Bejgħ u Xiri (1981, 1999)
Dan ir-rumanz kien jimmira biex jidher bħala l-ewwel rumanz dwar in-negozju bil-Malti; fit-tradizzjoni letterarja Amerikan , il-ġeneru tal-business novel hu wieħed stabbilit ħafna u dan ħajru.
- Silġ fuq Kemmuna (1982, 2005)
“ Ridt nibqa’ qrib l-istil psikoloġista li kont ħaddimt f’żewġ rumanzi oħra, “Silġ fuq Kemmuna” u “Bejgħ u Xiri”, miktuba rispettivament fil-bidu tas-snin 70 u tas-snin 80. Fihom, kont ipprovajt ngħarbel kważi b’mod mikroskopiku, kif bniedem jgħix ħajtu “minn barra”, bl-azzjonijiet u l-interazzjonijiet li jmexxi ma’ ħaddieħor, u “minn ġewwa” per mezz tal-ħsibijiet u r-riflessjonijiet konxji li jgħaddu minn moħħ l-individwu, kif ukoll per mezz ta’ tifkiriet u frak ta’ stħajjil jew ta’ ħsibijiet li jispuntaw “waħidhom”, bla ebda deċiżjoni konxja, mingħajr fasla imma f’gelgul kontinwu. ”
Alfred Sant, 2002
- La Bidu, La Tmiem - 1599 (2001) - l-itwal rumanz fil-Letteratura Maltija u jitqies minn ħafna bħala l-aqwa xogħol letterarju tiegħu. Dan ir-rumanz inħataf malli deher, u llum ma tista ssib tixtrih imkien.
“ Jien u nikteb “La Bidu, La Tmiem -- 1599”, sirt dejjem aktar konxju ta’ kif il-ħajja tal-bniedem tibqa’ tfur ’il quddiem, taqbeż il-fruntieri li l-imgħoddi u l-preżent ikunu fasslu għaliha, taċċetta sfidi impossibbli u saħansitra l-mewt. Taw xhieda ta’ kif fit-tbandil bejn ir-rieda tal-lum u t-tifkira tal-bieraħ, il-bniedem jista’ joħloq il-ġdid u dan b’nies li mill-karattru u bl-għażliet ta’ ħajjithom ma jaqblu xejn ma’ xulxin… nies bħal Cortes, Injazju ta’ Lojola , Giordano Bruno u Cervantes. ”
Alfred Sant, 2002
- L-Għalqa tal-Iskarjota (2009) - l-ewwel rumanz ta' Sant wara li rriżenja minn mexxej tal-Partit Labursta. Kien ippreżentat bħala rumanz tal-waħx daħqan, u kiseb suċċess kbir mal-pubbliku, l-aktar fost qarrejja żgħażagħ, u fost il-kritiċi. Inbiegħ kollu fi żmien ftit ġimgħat u kien hemm talba qawwija biex jerġa joħroġ. Ir-rumanz jirrakkonta kif mawżolew kbir ta’ żmien il-Feniċi kien qed jiġi desakrat b’mod tassew vili, ħaġa li toħloq konsegwenzi mill-aktar strambi. Tant li anke l-awtoritajiet tal-Unjoni Ewropea minn Brussell ikollhom jieħdu azzjoni. Sadattant ikunu bdew tħejjijiet biex jittella’ programm tat-televixin mill-għalqa msejħa tal-Iskarjota li tinsab qrib dal-mawżolew mitluf. Dan kollu jwassal għal żviluppi mill-aktar traġiċi u mdemmija.
Rumanz miktub fl-istil ta’ kummiedja sewda. “Jien u naqra r-rumanz ma stajtx inżomm lili nnifsi milli ninfaqa’ nidħaq quddiem kulħadd,” kiteb kummentatur. Il-vampiri, il-problemi tal-ħxuna, inċidenti farseski ta’ sess bejn il-protagonisti, in-negozju fid-droga, il-ħajja fl-Università, il-korruzzjoni – fost suġġetti oħra – kollha jidħlu b’xi mod fl-istorja tar-rumanz li jagħti stampa panoramika tas-soċjetà Maltija tal-lum. Kritiku letterarju faħħru għall-mod kif lejn l-aħħar tiegħu, ir-rumanz jgħaqqad flimkien it-trufijiet kollha tal-istorja fi tmiem “kiefer”, mimli orrur.
“ "L-Għalqa tal-Iskarjota" ifittex li joffri divertiment b’rakkont tal-waħx li fl-istess ħin hu kummiedja. Jitkellem dwar il-ħajja ta’ żminijietna u dwar kif il-medja jinfluwenzaw ħajjitna, u dwar elf ħaġa oħra... Barra r-raħal minsi u abbandunat ta’ Ħaż-Żnuber hemm għalqa li ġġorr is-saħta ta’ sekli twal. Grupp ta’ ġurnalisti televiżivi jidħlu biex jinvestigaw x’jiġri fiha għall-programm popolari ħafna tagħhom. U l-waħx tal-għalqa li ġej mill-qedem, minn żmien il-Puniċi, jaqbad magħhom, b’konsegwenzi tal-biża’. Matul ir-rumanz, insegwu għal atti tal-akbar kuraġġ u kefrija, nassistu għal żviluppi ta’ qtigħ il-qalb u ta’ ferħ... insomma dak kollu li jfittex qarrej f’rumanz, speċjalment jekk lest jitwaħħax waqt li jibqa’ jiddeverti u jitbissem. ”
Meta intervistat, Sant qal hekk:
“ Dejjem nibqa’ sorpriż b’kemm dak li int qed issejjaħlu qarrej medju jieħu gost meta jiġu f’idejh xogħlijiet li jimpenjawh. Dan l-aħħar aktar saħħaħt din l-impressjoni bil-laqgħa li r-rumanz “L-Għalqa tal-Iskarjota” kellu mill-pubbliku, meta qarrejja li ma nafx minn Adam, ġew spontanjament ikellmuni fuq l-intriċċ tar-rumanz u t-tifsira tiegħu llum. Fhimt minn hekk li r-rakkont għoġobhom u kienu ddevertew bih, u li pprovaw jsibu fih tifsiriet aktar wiesgħa minn dawk li fil-fatt forsi għandu, bħala rumanz “tal-waħx”. ”
F'Ġunju 2011, ir-rumanz ħareġ għall-bejgħ f’edizzjoni ġdida għal kollox, did-darba bl-Ingliż bit-titolu The Iscariot Field. Jidher li din hi l-ewwel darba fl-istorja tal-pubblikazzjoni f’Malta li rumanz li jkun inbiegħ kollu, jerġa’ jinħareġ b’dal-mod.
- Bħal f'Dizzjunarju (2012)
Dan hu l-ewwel rumanz bil-Malti li tista' tibdieh u tkomplih minn fejn trid, taqra minn fejn taqra, mill-bidu jew min-nofs jew mit-tmiem u tispiccah kif trid, bħal f'dizzjunarju.
Twelid ... tfulija ... imħabba ... skola ... xogħol ... tradiment ... vjaġġi ... mewt ... dak kollu li ngħixu tul ħajjitna, twila jew qasira: Bħal f'Dizzjunarju jdaħħalna fir-rakkont ta' ħajjet Anglu Debono, hekk kif għexha skont xewqatu... bil-ħlewwiet u bl-imrar tagħha ... bil-hena u t-thewdin li jitgerbu fiha ... Miegħu, ngħixu kwazi hamsin sena minn dak li gara f'Malta sal-lum. Nagħmlu dan mhux bl-arloġġ. Nagħmluh hekk kif kull episodju minn hajtu jitpoġġa quddiemna skont il-kelma li biha għadu jitqanqal fil-memorja.
- George Bush f’Malta (2013)
Grupp ta’ terroristi internazzjonali jlestu pjan ħalli jassassinawh. Eċitament, tensjoni, avventuri bla waqfien, waqtiet farseski u xeni finali mimlija tensjoni. Barra minn George Bush innifsu, il-karattru prinċipali hi Vonnie B, investigatriċi privata ta’ esperjenza. Tingħata kuntratt biex tinvestiga żewġ kumpaniji li kienu qed jibagħtu messaġġi elettroniċi suspettużi dwar iż-żjara ta’ Bush. Malajr, Vonnie tispiċċa fil-mira ta’ skwadra mibgħuta biex joqtluha, hekk kif tiskopri konfoffa mill-aktar sofistikata biex il-qtil ta’ Bush isir avveniment globali mxandar fuq l-internet. Hi Vonnie nnifisha li tirrakkonta l-istorja. Permezz tax-xhieda li tagħti, insegwu l-wasla tal-eks President fl-ambaxxata Amerikana, l-attakk fuq il-kumpless tal-ambaxxata u l-miżuri ddisprati li jittieħdu biex jipproteġu lil Bush. Fl-aħħar mumenti terribbli ta’ din il-ħidma, jiskattaw żviluppi splussivi u tal-waħx. Huma jispiċċaw jibdlu għal dejjem l-ambjent ġeografiku Malti.
Sant isejjaħ dar-rumanz “divertiment”, u jsegwi l-istil ta’ rumanz ieħor tiegħu li kiseb suċċess enormi erba’ snin qabel, L-Għalqa tal-Iskarjota. Dak ir-rumanz kien waddab dawl komiku għall-aħħar fuq il-qagħda ta’ Malta fi żminijietna waqt li ppreżenta storja mill-aktar stramba fejn komputers u firien rifsu fid-dinja tal-okkult u s-supranaturali. Fil-fatt, uħud mill-karattri memorabbli ta’ dak ir-rumanz jagħmlu dehra qasira, bħala mistiedna, f’George Bush f’Malta.
Din id-darba jidher li Alfred Sant esperimenta bir-rumanz f’forma ta’ thriller dwar l-ispjunaġġ biex jikkummenta dwar id-dinja tal-lum. Rappreżentanti ewlenin tas-settur tal-bini, tal-qrati, tal-pulizija, tas-servizzi sigrieti, tal-Knisja u tas-servizz pubbliku tal-indafa jidħlu fl-avventura, u magħhom rappreżentanti oħra tas-soċjetà kontemporanja Maltija.
Fi blogg Sant kiteb hekk:
“ Aktar inqisu divertiment minn “rumanz”. Matulu George Bush Jn jasal Malta u jqajjem pandemonju. Fl-istess żmien – għax kif jgħidu, x-xitan m’għandux ħalib – fil-Marsa jseħħ ieħor mill-imblokki kbar tat-traffiku. Mhux ta’ b’xejn li ħassejtni inċert sal-aħħar dwar kif l-istorja li kont qed nikteb sejra tintemm. Biex inkun onest, lanqas nista’ ngħid li ntemmet b’wiċċ il-ġid. ”
Drammi
Alfred Sant ippubblika 3 ġabriet ta' drammi:
- Min hu Evelyn Costa - u drammi oħra (1979, 1982, 1993)
B'dan id-dramm Sant kien rebaħ l-ewwel konkors li qatt sar f'Malta għal drammi bil-Malti għat-TV. Bil-ħamsin lira li rebaħ, siefer għall-ewwel darba fis-sajf tas-sena 1966. Ma’ tlieta minn ħbiebu mar il-Ġermanja, jaħdmu f’razzett.
- Fid-Dell tal-Katidral - u drammi oħra (1999)
Dan id-dramm kien kitbu Boston fis-sebgħinijiet u kien rebaħ it-tieni premju f’konkors għad-drammi organizzati mill-Gvern. Kien tellgħu Joe Friggieri fi produzzjoni li Sant innifsu ma laħaqx raha għax saret fl-Università Tal-Qroqq xi ġimagħtejn qabel wasal lura Malta.
- Qabel tiftaħ l-Inkjesta - u drammi oħra (1999)
Dan id-dramm kien ħa l-ewwel premju f’konkors organizzat mill-MADC u ntwera snin wara, fl-1993.
Ġabriet ta' novelli
- Kwart ta’ Mija (1995) (Rakkonti)
- Pupu fil-Baħar - Rakkonti u Divertimenti (2010) It-tnax-il rakkont li jinsabu fih jitkellmu dwar Malta tal-bidu tas-seklu 21, dwar kif in-nies tgħix, tħobb u tobgħod. Bħal f' L-Għalqa tal-Iskarjota niltaqgħu ma inċidenti tal-waħx u ma oħrajn li jġagħluk tidħaq bla ma trid: ta' spiss fl-istess storja.
Kitbiet oħra
- L-Impenn għall-Bidla (1986) (Saġġi)
- It-28 ta’ April 1958 - Il-Ħobż u l-Ħelsien (1988) (Storja politika)
- Malta’s European Challenge (1995)
- Confessions of a European Maltese (2003)
- Is-Soċjaliżmu fi Żminijietna (2004) (Analiżi politika)
Ħajja Personali
Fl-1984 Sant iżżewweġ lil Mary Darmanin u kellhom tifla, Marta. Huma isseparaw fl-1988. F'Diċembru 2007 Sant daħal l-isptar fejn ġie operat b'suċċess minħabba kanċer fil-musrana.
“ Fi kważi kull ċirkostanza, tidħol barma umoristika. Ġimgħat wara (l-operazzjoni), iltqajt ma raġel li dar fuqi u qalli: toqgħodx tinkwieta, għaxar snin ilu kelli l-istess ħaġa bħalek. Għaddejt mill-burraxka u għadni hawn. Id-differenza hi li fil-każ tiegħek sar ħafna plejtu fil-ġurnali u r-radjijiet… imma f’tiegħi… kulħadd baqa’ kwiet… ”
Alfred Sant, IT-TORĊA, Settembru 2008
Alfred Sant għandu website personali b'artikli politiċi, soċjali, ekonomiċi u kulturali: http://www.alfredsant.org
Ħoloq esterni
Wikimedia Commons għandha fajls multimedjali li għandhom x'jaqsmu ma': Alfred Sant (Alfred Sant) |
- Sit b'artikli ta' Alfred Sant
- Feature fuq il-karriera politika ta' Alfred Sant
- Alfred Sant jirrakkonta l-esperjenza tiegħu tal-kanċer
- Intervista ma' Alfred Sant fuq il-ktieb tiegħu Pupu fil-Baħar
Predeċessur Eddie Fenech Adami |
Prim Ministru ta' Malta 1996-1998 |
Suċċessur |
Predeċessur Karmenu Mifsud Bonnici |
Mexxej tal-Partit Laburista 1992-2008 |
Suċċessur |