Aqbeż għall-kontentut

ISBN

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
ISBN bi 13-il ċifra

In-Numru Internazzjonali Standard tal-Kotba (ISBN) huwa identifikatur kummerċjali numeriku tal-kotba li hu maħsub li jkun uniku. Il-pubblikaturi jixtru l-ISBNs minn entità affiljata tal-Aġenzija Internazzjonali tal-ISBN.[1]

ISBN jiġi assenjat lil kull edizzjoni separata u lil kull varjazzjoni (għajr stampar mill-ġdid) ta’ pubblikazzjoni. Pereżempju, edizzjoni ta’ ktieb elettroniku, ta’ ktieb b’qoxra ratba u ta’ ktieb b’qoxra iebsa tal-istess ktieb ikollha ISBN differenti għal kull format. L-ISBN ikun fih għaxar ċifri jekk ġie assenjat qabel l-2007, u tlettax-il ċifra jekk ġie assenjat fl-1 ta’ Jannar 2007 jew wara. Il-metodu tal-assenjar ta’ ISBN ivarja skont il-pajjiż u huwa speċifiku għal kull pajjiż; spiss jiddependi kemm tkun kbira l-industrija tal-pubblikazzjoni fi ħdan pajjiż.[2]

Il-format inizjali tal-identifikazzjoni tal-ISBN ġie stabbilit fl-1967, abbażi ta’ Numerazzjoni Standard tal-Kotba (SBN) li nħolqot fl-1966. Il-format tal-ISBN b’għaxar ċifri ġie żviluppat mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO) u ġie ppubblikat fl-1970 bħala l-istandard internazzjonali ISO 2108 (il-kodiċi SBN b’disa’ ċifri jista’ jiġi kkonvertit f’ISBN b’għaxar ċifri permezz ta’ prefissar biċ-ċifra żero “0”).[2]

Xi kotba li jiġu ppubblikati privatament xi kultant jidhru mingħajr ISBN. L-Aġenzija Internazzjonali tal-ISBN xi drabi tassenja ISBNs lil dawn il-kotba fuq inizjattiva proprja.[3]

Identifikatur ieħor, in-Numru tas-Serje Internazzjonali Standard (ISSN), jidentifika l-pubblikazzjonijiet perjodiċi bħar-rivisti u l-gazzetti. In-Numru Internazzjonali Standard tal-Mużika (ISMN) ikopri l-partituri mużikali.

In-Numerazzjoni Standard tal-Kotba (SBN) hija sistema kummerċjali li tuża disa’ ċifri numeriċi għall-identifikazzjoni tal-kotba. Inħolqot minn Gordon Foster, Professur Emeritu tal-Istatistika fit-Trinity College ta’ Dublin[4], l-Irlanda, għall-bejjiegħa tal-kotba, tar-rivisti u tal-gazzetti bħal pereżempju WHSmith u oħrajn fl-1965.[5] Il-format tal-identifikazzjoni tal-ISBN inħoloq fl-1967 fir-Renju Unit minn David Whitaker (meqjus bħala l-“missier tal-ISBN”)[6][7] u fl-1968 fl-Istati Uniti minn Emery Koltay[8] (li iktar ’il quddiem sar id-direttur tal-aġenzija tal-ISBN fl-Istati Uniti, R. R. Bowker).[9]

Il-format tal-ISBN b’għaxar ċifri ġie żviluppat mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO) u ġie ppubblikat fl-1970 bħala l-istandard internazzjonali ISO 2108.[5][7] Ir-Renju Unit baqa’ juża l-kodiċi SNB b’disa’ ċifri sal-1974. L-ISO ħatret lill-Aġenzija Internazzjonali tal-ISBN bħala l-awtorità tar-reġistrazzjoni għall-ISBN fid-dinja kollha u l-Istandard tal-ISBN jiġi żviluppat taħt il-kontroll tal-Kumitat Tekniku 46/is-Sottokumitat 9 tal-ISO (TC 46/SC 9). Il-faċilità online tal-ISO tirreferi biss sal-1978.[10]

SBN jista’ jiġi kkonvertit f’ISBN bil-prefissar taċ-ċifra “0”. Pereżempju, it-tieni edizzjoni ta’ Mr. J. G. Reeder Returns, ippubblikat minn Hodder fl-1965, għandu l-"SBN 340 01381 8", fejn "340" jindika l-pubblikatur, "01381" huwa n-numru tas-serje assenjat mill-pubblikatur, u "8" huwa ċ-ċifra ta’ verifika. Bil-prefissar ta’ żero, dan jista’ jiġi kkonvertit għall-ISBN 0-340-01381-8; iċ-ċifra ta’ verifika m’hemmx għalfejn tiġi kkalkulata mill-ġdid. Xi pubblikaturi, bħal Ballantine Books, xi kultant juża SBNs bi 12-il ċifra fejn l-aħħar tliet ċifri jindikaw il-prezz tal-ktieb;[11] pereżempju, Woodstock Handmade Houses kellu l-SBN ta’ 12-il ċifra 345-24223-8-595 (SBN validu: 345-24223-8, ISBN: 0-345-24223-8), u kien jiswa US$5.95.[12]

Mill-1 ta’ Jannar 2007, l-ISBNs ikollhom tlettax-il ċidra, format li huwa kompatibbli man-Numri tal-Prodotti Ewropej ta’ "Bookland", li għandhom 13-il ċifra.[4]

  1. ^ "The International ISBN Agency | International ISBN Agency". www.isbn-international.org. Miġbur 2021-05-08.
  2. ^ a b "FAQs about the ISBN (International Standard Book Number) Revision Project". web.archive.org. 2007-06-10. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-06-10. Miġbur 2021-05-08.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  3. ^ "Bradley, Philip (1992). "Book numbering: The importance of the ISBN" (PDF). The Indexer. 18 (1): 25–26" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2021-02-21. Miġbur 2021-05-08.
  4. ^ a b "INTERNATIONAL STANDARD BOOK NUMBERING (ISBN) SYSTEM original 1966 report". web.archive.org. 2011-04-30. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-04-30. Miġbur 2021-05-08.
  5. ^ a b "History". ISBN.org (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-08.
  6. ^ "International Publishers Association - "It was an idea whose time had come." David Whitaker on the birth of ISBN". International Publishers Association (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2020-04-20. Miġbur 2021-05-08.
  7. ^ a b "Manwal ghall-Utenti tal-ISBN (PDF) (bil-Malti) (Sitt ed.). Malta: Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. 2016. p. 5. ISBN 978-99957-889-4-0" (PDF). Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-08-17. Miġbur 2021-05-08.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  8. ^ ""Emery Koltay, David Whitaker Named NISO Fellows" (PDF), Information Standards Quarterly, National Information Standards Organization, 8 (3): 12–13" (PDF). web.archive.org. 2014-08-04. Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2014-08-04. Miġbur 2021-05-08.
  9. ^ "Arquivo.pt". arquivo.pt. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-05-16. Miġbur 2021-05-08.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  10. ^ "ISO 2108:1992". ISO (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-08.
  11. ^ ""SBN 345"". archive.org (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-08.
  12. ^ Haney, Robert; Ballantine, David; Elliott, Jonathan (1974). Woodstock handmade houses. New York : Ballantine Books.

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]